Merħba fis-sit elettroniku tal-Klabb Regatta Kalkara
Il-Kalkara daħlet uffiċjalment fir-Regatta fl-1957 għalkemm ħadet sehem f’xi korsi bejn l-1951 u l-1956. Il-Kalkara għandha storja glorjuża fir-regatta għax ghalkemm rebħet għal diversi drabi l-Aggregate Shield, ħarrġet bosta qaddiefa li wara li stabilixxew ruħhom mal-Kalkara kisbu ukoll suċċessi ma’ distretti oħrajn. B’kollox il-Kalkara rebħet is-Shield prinċipali għal seba’ darbiet fl-1959, 1960, 1963, 1964, 1965, 1969 u fl-1971 u kienet viċin li tirbaħha ħafna drabi oħra. Punt importanti li wieħed irid isemmi huwa li l-Kalkara irreġistrat rebħa kbira fuq id-distretti l-oħra kollha fis-sena 1969: f’din it-tiġrija l-Kalkara mhux biss rebħet erba’ paljijiet tal-ewwel minn ħamsa, iżda l-qaddiefa waqqfu erba’ rekords ġodda li għadhom mhux miksura sal-ġurnata tal-llum! Dawn kienu fil-korsa tal-frejgatini, f’ta’ bi tnejn, fil-kajjik u f’ta’ b’erbgħa. Ta’ min isemmi li r-rekord ta’ bi tnejn reġa’ ġie miksur fis-sena 2011 minn Roderick Briffa u Noel Bugeja. Fil-preżent il-klabb għandu numru sostanzjali ta’ qaddiefa li jipprattikaw l-isport b’imħabba u dedikazzjoni. Iżda r-rebħa tal-1969 kienet repetuta fis-sena 2010 f’din il-kategorija, meta l-Kalkara rreġistrat ħames paljijiet tal-ewwel minn daqstant tiġrijiet! Fil-preżent il-klabb tal-Kalkara investa f’sett opri ġodda ukoll, fosthom Dgħajsa tal-Pass, Frejgatina, Kajjik u Dgħajsa tal-Midalji u l-ħsieb tagħna hu li nkomplu ninvestu fil-qaddiefa. L-aħħar li intrebħet is-Shield kien f’Marzu 2015 meta l-Kalkara rebħet is-Shield ta’ Kategorija B u rebħet palju f’ħames tiġrijiet.
Hija prijorità għall-klabb li jaħdem biex ikompli jiġġedded u jissaħħah, filwaqt li jkompli jgħaqqad flimkien lil dawk kollha li għandom għal qalbhom l-isport tal-qdif u jġib ‘il-quddiem u jħares l-interessi tal-qaddiefa u l-membri affiljati miegħu. Jekk tixtieq tingħaqad magħna jew tixtieq aktar informazzjoni, ikkuntattjana jew kellem li xi membru tal-Kumitat.